Il-missjoni tad-Direttorat dwar Strateġija għan-Nies u Proġetti hija li jiżgura li dawk li jaħdmu fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika jistgħu jsibu sapport f’forom varji tul il-karrieri tagħhom, f’varjetà ta’ dixxiplini inklużi s-saħħa mentali, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-dinamika fuq ix-xogħol, kif ukoll gwida dwar il-karriera.
Is-Servizz Pubbliku jagħraf li l-impjegati tiegħu huma riżorsa importanti ħafna u għandu l-mira li jipprovdi s-sapport meħtieġ bl-objettiv li jissaħħu l-effettività u l-effiċjenza tagħhom fuq il-post tax-xogħol tagħhom u li l-benesseri tagħhom jiġi ssapportjat.
Is-servizzi offruti mid-Direttorat dwar Strateġija għan-Nies u Proġetti huma maqsuma primarjament fi tliet units:
L-Employee Support ProgrammeL-Employee Support Programme (ESP) jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ sapport kunfidenzjali u mingħajr ħlas għall-impjegati pubbliċi, imfasslin biex jgħinuhom ikampaw bid-diffikultajiet tax-xogħol u tal-ħajja tagħhom, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tagħhom jekk ma jagħtux kashom. Minbarra li joffri għajnuna professjonali fuq bażi individwali, l-Employee Support Programme b'mod regolari jorganizza inizjattivi bħal sessjonijiet ta’ taħriġ, konferenzi u seminars. Il-Unit hija wkoll f’kuntatt kontinwu ma’ dawk f’pożizzjonijiet maniġerjali biex jiġu identifikati u ssapportjati l-impjegati b’diffikultajiet. Dan jinkludi li jimmaniġġjaw impjegati li juru nuqqas ta’ effiċjenza u motivazzjoni, li juru problemi bl-imġiba, li għandhom kwistjonijiet ta’ abbuż ta’ sustanzi/droga, jew li qed jirritornaw lura għax-xogħol wara mard fit-tul.