Id-Direttorat għan-Nies, l-Ippjanar tar-Riżorsi, u l-Konformità, fi ħdan id-Diviżjoni tan-Nies u Standards (P&SD), huwa responsabbli biex jistabbilixxi regolamenti, policies, linji gwida u proċeduri fl-oqsma tar-reklutaġġ, għażliet, ħatriet, trasferimenti, promozzjonijiet u progressjonijiet fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika. Dan ir-rwol jitwettaq f’isem is-Segretarju Permanenti Ewlieni u, fejn applikabbli, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u konformi mal-leġiżlazzjoni pertinenti.
Id-Direttorat kellu rwol ċentrali fit-tfassil ta’ proċessi aktar simplifikati u delegati kif ikkontemplat fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li wassal għall-ħruġ tad-Direttiva 7, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2014, u d-Direttivi 10 u 9 li t-tnejn daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2016. Id-Direttiva 7 ddelegat il-proċess tar-reklutaġġ fi ħdan l-entitajiet tas-Settur Pubbliku. Id-Direttivi 10 u 9 ddelegaw lill-Ministeri responsabbli l-proċess tal-Ippjanar tar-Riżorsi Umani, u tal-għażla u l-ħatra wara sejħa fis-Servizz Pubbliku, sabiex il-Ministeri ma jkunux aktar obbligati jitolbu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali qabel kull stadju tal-proċess.
Mill-1 ta’ April 2016, id-Direttorat iddelega proċessi oħrajn tas-Servizz Pubbliku, li s’issa twettqu ċentralment, rigward progressjonijiet, promozzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet Settorjali (kemm tas-Servizz Ġenerali kif ukoll il-Gradi Dipartimentali), l-għoti ta’ status indefinit skont il-leġiżlazzjoni pertinenti, ħatra permezz ta’ rakkomandazzjoni diretta u tiġdid ta’ dawn. Barra dan, mill-10 ta’ Marzu 2021, ġiet iddelegata awtorità lis-Segretarji Permanenti biex jagħmlu promozzjoni u assimilazzjoni skont il-Ftehim rispettiv, jinżammu increments/progressjoni/promozzjoni li jirriżultaw minn tali Ftehim fejn iġġustifikat, jestendu/iġeddu ħatriet (sa Skala 6) inizjalment magħmula permezz ta’ rakkomandazzjoni diretta lill-PSC u għaldaqstant ma jinvolvux kompetizzjoni, id-diskrezzjoni li japprovaw il-posponiment ta’ tali ħatriet u d-diskrezzjoni li japprovaw talbiet għal riverżjoni għall-ħatra indefinita preċedenti wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ prova. Fit-12 ta’ Novembru 2024, id-Direttorat iddelega awtorità lis-Segretarju Permanenti responsabbli għall-Amministrazzjoni Ċentrali għar-Riżorsi Umani u l-Immaniġjar tan-Nies talbiet għall-impjieg mill-ġdid ta’ dawk li qabel kienu uffiċjali pubbliċi li kienu rriżenjaw mis-Servizz Pubbliku, u d-dħul mill-ġdid ta’ uffiċjali pubbliċi li kienu rtiraw għal raġunijiet mediċi jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, fiż-żewġ istanzi, dment li m’hemm l-ebda proċedura dixxiplinari sospiża kontrihom.
Konformità
Id-Direttorat jappoġġa, skont id-Direttivi 10/10.2 u 7.3, il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni dwar l-Ippjanar Strateġiku tar-Riżorsi Umani fis-Servizz Pubbliku u fl-entitajiet pubbliċi kollha, u jikkoordina bejn il-ministeri/dipartimenti/entitajiet pubbliċi u l-Uffiċċju tal-Baġit fi ħdan il-ministeru responsabbli għall-Finanzi.
Isiru eżerċizzji ta’ konformità regolari fi ħdan is-Servizz Pubbliku u entitajiet pubbliċi biex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli u r-regolamenti fis-seħħ u l-proċessi delegati skont id-Direttivi 9/9.2 u 7.3 rispettivament. Permezz ta’ tali direttivi, jiġi żgurat li ż-żieda t’impjiegi fis-Servizz Pubbliku u fl-entitajiet pubbliċi tkun iġġustifikata. Għaldaqstant isir assessjar bir-reqqa: tal-kontenut tal-HR Plans approvati għal perjodu ta’ sentejn; tal-ħlas ta’ pakketti ta’ salarji skont il-Ftehimiet Settorjali/Kollettivi u l-Gradi u l-Istrutturi ta’ Salarju tal-IRU fis-seħħ; u dwar perjodi ta’ żmien stabbiliti fuq proċessi tar-Riżorsi Umani skont id-Direttiva 8.1. Dawn l-eżerċizzji jitwettqu permezz tas-sistema tal-payroll DAKAR fi ħdan is-Servizz Pubbliku u fuq il-payroll attwali mitluba minn dan l-Uffiċċju mill-entità pubblika.
Dan l-irwol ta’ konformità jestendi biex jinkludi assessjar abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Manual on Industrial Relations and the Selection and Appointment Process under Delegated Authority (anness mad-Direttiva 9/9.2), il-Manual for Public Sector Entities: Delegation of Authority to effect Recruitment, Promotions and Industrial Relations (anness mad-Direttiva 7.3) u l-Manual on Resourcing Policies and Procedures.
Jiġi analizzat ukoll il-kontenut ta’ diversi sejħiet għal applikazzjonijiet/espressjonijiet ta’ interess li jkunu se jinħarġu fi ħdan is-Servizz Pubbliku, kif ukoll tingħata gwida dwar sejħiet għal applikazzjonijiet tal-entitajiet pubbliċi.