L-uffiċjali pubbliċi jeħtieġu raġuni speċifika biex japplikaw għal miżuri favur il- bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata?
Is-Servizz Pubbliku joffri għadd kbir ta’ miżuri lill-uffiċjali pubbliċi kollha biex jibbenefikaw minnhom skont iċ-ċirkostanzi tagħhom.
Bħalissa qed nibbenefika mil-Leave tal-Maternità iżda nixtieq nibqa’ d-dar mat-tarbija tiegħi qabel naħdem il-perjodu obbligatorju ta’ 6 xhur. X’nista’ nagħmel?
L-Uffiċjali Pubbliċi jistgħu japplikaw għal leave tal-ġenituri jew għal waqfa mill-karriera biex jużawh immedjatament wara l-leave tal-maternità. Imbagħad il-perjodu obbligatorju ta’ 6 xhur jista’ jinħadem immedjatament wara dawn il-miżuri.
Qabel ma mmur f’pożizzjoni ġdida f’Ministeru ieħor minħabba promozzjoni riċenti neħtieġ naħdem il-perjodu tal-avviż (notice) kollu?
Impjegati li jinħatru f’pożizzjoni ġdida wara promozzjoni huma mitluba li jagħtu perjodu ta’ 4 ġimgħat għal handover qabel ma jmorru fil-pożizzjoni l-ġdida. Il-perjodu ta' avviż jinħadem biss f’każijiet fejn l-impjegati jtemmu l-impjieg tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku.
Għaddejt minn proċess tal-għażla iżda ġejt fit-tielet post u għadhom ma kkuntattjawnix. X’jiġri mir-riżultat tal-għażla?
Applikanti li jgħaddu mill-proċessi tal-għażla jinżammu fuq l-Ordni tal-Mertu sakemm ir-riżultat jibqa’ validu. F’każ li jkun hemm post vakanti waqt il-perjodu tal-validità, l-applikanti jiġu kkuntattjati skont l-ordni li jitqiegħdu fiha fir-riżultat tal-għażla.
Ilni nirċievi Allowance tal-Kwalifika għal bosta snin, madankollu dan l-aħħar twaqqfet.
L-Allowance tal-Kwalifika tingħata lill-impjegati għar-rwol speċifiku li qed iwettqu u dment li jissodisfaw ċerti kriterji. Impjegati li ġew trasferiti jew ħadu promozzjoni jeħtieġu jerġgħu japplikaw għall-allowance tal-kwalifika peress li r-rwoli tagħhom ikunu nbidlu u l-kundizzjonijiet preċedenti għall-għoti tal-allowance tal-kwalifika setgħu nbidlu.
Dan l-aħħar ħdimt aktar sigħat minn dak li jistipula l-ftehim tiegħi għal Sigħat Imnaqqsa, iżda ma tħallast tal-overtime.
Meta impjegati li jaħdmu b’sigħat imnaqqsa jkunu meħtieġa jaħdmu aktar mill-ammont ta’ sigħat normali fil-ġimgħa tagħhom, dawn jitħallsu bir-rata fis-siegħa normali għas-sigħat żejda maħduma sakemm jilħqu s-sigħat fil-ġimgħa maħduma mill-kollegi full-time. Sigħat żejda maħduma li jaqbżu s-sigħat fil-ġimgħa maħduma mill-kollegi full-time, jitħallsu bir-rati tal-overtime.
L-uffiċjali pubbliċi jistgħu jwettqu xogħol privat waqt li jużaw miżuri għal bilanċ favur ix-xogħol u l-ħajja privata?
Impjegati pubbliċi li jibbenefikaw minn miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bl-eċċezzjoni ta’ xogħol mill-bogħod, ġimgħa flessibbli u ħin flessibbli, ma jistgħux jagħmlu xogħol privat jew jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet volontarji, anke wara l-ħinijiet tal-uffiċċju. Madankollu, dawk li jixtiequ jagħmlu xogħol part-time mhumiex preklużi milli japplikaw għal xogħol f’impjieg mal-gvern, soġġett għall-approvazzjoni mis-Segretarju Permanenti rispettiv.
Nixtieq napplika għal xogħol mill-bogħod iżda ma niħux ħsieb xi qraba u lanqas ma għandi ċirkostanzi mediċi li jżommuni milli naħdem fl-uffiċċju.
L-impjegati li l-prestazzjoni tax-xogħol u l-ħiliet tagħhom, kif ukoll in-natura tal-impjieg tagħhom, huma adatti biex isiru lil hinn mill-uffiċċji tradizzjonali, jistgħu jitolbu biex jagħmlu xogħol mill-bogħod. M’għandek bżonn tipprovdi l-ebda raġuni meta tapplika għal xogħol mill-bogħod. Madankollu dawk li jixtiequ japplikaw għal xogħol mill-bogħod estiż jeħtieġu li jipprovdu ġustifikazzjoni.
Se nagħmel operazzjoni u l-intitolament tiegħi tal-leave għall-mard mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-assenza kollha tiegħi sakemm nidħol lura x-xogħol.
F’dawn il-każijiet, uffiċjali pubbliċi jistgħu jużaw miżuri varji bħall-akkumulazzjoni tal-leave għall-mard, il-leave għal vaganzi tagħhom stess, u leave mogħti b’donazzjoni, qabel ma jirrikorru għal leave għall-mard b’nofs paga.
L-intitolament tal-Leave għal Vaganzi tiegħi mhuwiex l-istess bħal tal-kollegi tiegħi.
L-intitolament tal-leave għal vaganzi huwa kkalkulat għal kull Uffiċjal skont ċerti varjanti, bħal pereżempju l-ammont ta’ sigħat tax-xogħol li taħdem, kwalunkwe użu ta’ leave mingħajr ħlas, xogħol b’sigħat imnaqqsa, jew, fil-każi ta’ rekluti ġodda, id-data tal-bidu tal-impjieg.